Ċerimonja ta’ Premjazzjoni tal-EPALE, Ċelebrazzjoni tat-Tagħlim tal-Adulti f’Malta

Ċerimonja ta’ Premjazzjoni tal-EPALE, Ċelebrazzjoni tat-Tagħlim tal-Adulti f’Malta
It-Tlieta 23 ta’ Ottubru li għadda, id-Direttorat għar-Riċerka, it-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ospita l-Premjijiet tal-EPALE (Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa) għall-2018. Iċ-ċerimonja kienet ċelebrazzjoni ta’ inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti u pprovdiet rikonoxximent formali tal-istudenti adulti u tal-edukaturi tal-adulti.
Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni kellha l-għan li tirrikonoxxi l-ħidma li qiegħda ssir fil-qasam tal-edukazzjoni tal-adulti f’Malta. It-tema tat-titjib tal-ħajja tal-persuni, tal-familji tagħhom u tas-soċjetà b’mod ġenerali kienet waħda rikorrenti matul is-serata. B’40 nominazzjoni riċevuti mill-EPALE, huwa previst li dawn il-premjazzjonijiet ikomplu jsiru kull sentejn. Sar diskors tal-okkażjoni minn Sir Alan Tuckett, Professur tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Wolverhampton, Fellow Onorarju tal-Istitut tat-Tagħlim tul il-Ħajja tal-UNESCO, u Eks President tal-Kunsill Internazzjonali għall-Edukazzjoni tal-Adulti. Ingħata wkoll kavallerat fl-Unuri tal-Ewwel tas-Sena tar-Reġina tal-2018 għas-servizzi tiegħu b’risq l-edukazzjoni tal-adulti. Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, huwa enfasizza l-importanza li jiġu kondiviżi l-istejjer ta’ tagħlim tal-adulti sabiex il-persuni jiġu inkoraġġiti jinvestu fl-iżvilupp professjonali tagħhom.
Il-preżentazzjoni tal-ewwel żewġ premjijiet minn Sir Alan bdiet bil-Premju għall-Istudent Adult u l-Premju għall-Proġett tat-Tagħlim Diġitali. Kris Muscat laqa’ l-premju għall-istudent adult għad-dedikazzjoni u l-perseveranza tiegħu bħala student adult u Kim Micallef u Fr Edgar Busuttil laqgħu l-premju għall-proġett tat-tagħlim diġitali f’isem Iċ-Ċavetta għall-isforz tagħhom sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-litteriżmu f’Malta.
Stephen Cachia, id-Direttur Ġenerali għall-Kurrikulu, it-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fil-Ministeru ppreżenta l-Premju għall-Edukatur tal-Adulti u l-Premju għall-Voluntier fl-Edukazzjoni tal-Adulti. Jacqueline Fava rċeviet il-premju għall-edukatur tal-adulti għall-approċċ fit-tagħlim u d-dedikazzjoni uniċi tagħha. Anna Grech ingħatat il-Premju għall-Voluntier fl-Edukazzjoni tal-Adulti għas-snin tagħha ta’ dedikazzjoni fl-għoti ta’ lezzjonijiet tal-Ingliż lil refuġjati li jkunu qegħdin jgħixu Malta.
Elaine Compagno laqgħet il-Premju għall-Proġett tat-Tagħlim għall-Adulti f’isem il-proġett SOAR għall-appoġġ bejn il-pari u s-servizz ta’ promozzjoni għall-vittmi u s-sopravissuti nisa ta’ vjolenza domestika u abbuż fil-familja. Dan il-premju ġie ppreżentat minn Alex Farrugia, Direttur, fid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja. William Pace u Mario Attard laqgħu l-aħħar premju tas-serata, il-Premju ta’ Rikonoxximent għal 45+ Sena fit-Tagħlim Professjonali, ippreżentat minn Daniela Blagojevic, Assistent Direttur fid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja.
Id-Direttorat huwa s-Servizz ta’ Appoġġ Nazzjonali għall-EPALE, li hija komunità ta’ pjattaforma online għall-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. L-EPALE hija ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea, fi sforz kontinwu biex ittejjeb il-kwalità tat-tagħlim tal-adulti fl-Ewropa. Il-pjattaforma tippermetti l-kondiviżjoni ta’ kontenut relatat mat-tagħlim tal-adulti, li jinkludi aħbarijiet, blog posts, riżorsi, avvenimenti, u korsijiet. L-EPALE għandha komunità ta’ aktar minn 45,000 membru rreġistrati.
Facebook: Adult Learning in Malta
Sit web: https://ec.europa.eu/epale/mt
Reġistrazzjoni tal-istream live: https://goo.gl/7LcT9T