European Commission logo
idħol Oħloq kont
Tista’ tagħżel diversi kliem b’virgola diviżorja

EPALE - Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa

Blog

Kemm hu ta' sodisfazzjon li tgħix u tara stejjer ta' suċċess mill-korsijiet li l-istudenti jkollhom mal-Lifelong Learning

Kemm hu ta' sodisfazzjon li tgħix u tara stejjer ta' suċċess mill-korsijiet li l-istudenti jkollhom mal-Lifelong Learning.

Profile picture for user tom.borg.
Tom Borg

"Kemm hu ta' sodisfazzjon li tgħix u tara stejjer ta' suċċess mill-korsijiet li l-istudenti jkollhom mal-Lifelong Learning - fosthom bħal barranin li jiġu jitgħallmu l-Malti jew l-Ingliż; persuni li jagħmlu kors tal-artiġjanat u fetħu negozju żgħir għal rashom jew nies li jtejbu x-xogħol tagħhom grazzi għall-korsijiet li noffrulhom.

Fl-imgħoddi, id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja (Lifelong Learning) kien magħruf bħala 'tal-korsijiet ta' filgħaxija' (evening classes). L-isfida tagħna hija li nappellaw għall-persuni minn 15-il sena 'l fuq u għal dawk li jistgħu jiġu jistudjaw magħna u jiġu mpjegati jew itejbu l-impjieg tagħhom . Fil-korsijiet li noffru niffukaw l-iktar fuq il-ħiliet bażiċi (bħal per eżempju, il-Malti, l-Ingliż, Matematika, Ippjanar ta’ finanzi personali, Ħiliet diġitali.) L-għan ewlieni hu li nassiguraw ir-relevanza fit-tagħlim għall-adulti u l-benefiċċju għal għadd numeruż ta' diversi setturi: individwi, komunitajiet, min iħaddem u s-soċjetà b'mod ġenerali. Ħafna barranin li jiġu jgħixu jew jaħdmu hawn Malta qed japplikaw għall-korsijiet magħna. Għandna erba' ċentri: il-Mosta, l-Blata l-Bajda, l-Imrieħel u r-Rabat Għawdex, flimkien mal-Hub ċentrali fl-Imsida. Nagħtu wkoll diversi korsijiet fil-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. Noffru wkoll korsijiet li jsiru online bil-pass tal-istudent jew b’mod dirett mal-edukaturi. Ħafna mill-korsijiet li noffru huma akkreditati. Wieħed jista' jara l-lista ta’ korsijiet fuq https://lifelonglearning.gov.mt/. Ikollna ħafna rispons mill-pubbliku għall-korsijiet li noffru. Għandna 'l fuq minn 400 kors u 'l fuq minn 6000 student kull sena li japplikaw. L-ikbar ammont t’applikazzjonijiet isiru f'Lulju u niftħu għal iktar applikazzjonijiet fi Frar. L-isfida tagħna hija li nattiraw studenti ġodda fil-waqt li studenti li jattendu b’mod regolari ikomplu jitgħallmu magħna. L-istudenti li japplikaw tista' tgħid li ġejjin minn kull spettru tal-ħajja. 

F'Novembru li għadda, nedejna strateġija ġdida għat-tagħlim tul il-ħajja li biha rridu nilħqu miri ambizzjużi ħafna fejn jiżdied in-numru ta' adulti li jibqgħu jitgħallmu u jitħarrġu u rridu nikkordinaw bejn ħafna entitajiet biex nilħqu iktar nies. It-tagħlim tul il-ħajja qed jingħata importanza kbira kemm f'Malta u fl-Unjoni Ewropeja u għalhekk l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 ukoll tenfasizza trasformazzjoni fil-mod kif nibqgħu nitgħallmu u nwessgħu il-kompetenzi tagħna f’dinja li qed tinbidel u tevolvi.

Jiena bħala direttur flimkien mat-tim infittxu li kull sena insaħħu s-servizz, il-kwalita’ u l-aċċessibilità tal-korsijiet li noffru. Flimkien noffru gwida u ngħinu lil kull min jixtieq u għandu bżonn jitgħallem. Aħna kollha lifelong learners – nitgħallmu u nikbru flimkien 😊" - Grazio Grixti u Antoine Vassallo

May be an image of 1 person, studying and text that says 'servizz pubbliku ypom. The PEOPLE OF MALTA'

Login (0)