chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE

Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa

 
 

tal-kamra tal-aħbarijiet

Lejn Prattiċi Effettivi fit-Tagħlin Tul il-Ħajja

20/11/2017
Lingwa: MT

/en/file/2246746919545269481348112611927152363470464ojpg-022467469_1954526948134811_2611927152363470464_o.jpg

 

 

Fl-20 ta’ Ottubru d-Direttorat tar-Riċerka, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjeggabiltà organizza konferenza finali tal-proġett ‘Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti’. Il-konferenza, bit-titlu ‘Lejn Prattiċi Effettivi f’Tagħlim Tul il-Ħajja’ kellha bosta kelliema li taw sehemhom bl-esperjenzi tagħhom. Wara t-taħditiet saru tliet diskussjonijiet separati fuq dawn it-temi: ‘Tagħlim virtwali: x’inhu l-pass li jmiss?’, ‘Skejjel bħala spazji ta’ tagħlim fil-komunità’ u ‘Inizjattivi ta’ tagħlim fuq il-post tax-xogħol’.

Il-konferenza fetaħha Dr Francis Fabri, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Huwa sostna kemm qatt ma kien favur li tingħata edukazzjoni lil kulħadd bl-istess mod u kemm mhux biżżejjed li adult ipoġġi biss għall-eżami u jingħata ċertifikat.

“Illum qed niltaqgħu mal-unions u l-industrija kif ukoll qed naraw kif inħarrġu lill-għalliema tagħna. Neħtieġu għalliema li mhumiex ġejjin minn sfond akkademiku biss imma anki mis-settur vokazzjonali,” spjega Dr Fabri u kompla jgħid: “Kontra li ngħallmu lill-adulti ħiliet speċifiċi għal ċertu xogħol, importanti li jingħataw ħiliet ogħla biex ikollna iktar ċittadini attivi fis-soċjeta.”

Warajh kompliet Daniela Blagojevic Vella, l-Assistent Direttur tad-Direttorat, li tat ħarsa ġenerali tal-proġett ‘Aġenda Ewropea għal Tagħlim għall-Adulti’ f’Malta. Hija spjegat kemm hu vast it-tagħlim għall-adulti u kif bħalissa d-Direttorat qed jiffoka l-aktar fuq ħiliet bażiċi biex tingħata l-għajnuna lil min l-iktar għandu bżonnha. Fil-fatt ħafna minn dawk li jħaddmu jsemmu li dak hu wieħed mill-akbar nuqqasijiet li għandhom il-ħaddiema tagħhom. Barra minn hekk dan il-proġett qed jaħdem ħafna biex jinvolvi lil min iħaddem fil-korsijiet li qed jipprovdi ħalli jintlaħqu iktar ħaddiema.

/en/file/2271315119566636379211427478055120118331428ojpg-022713151_1956663637921142_7478055120118331428_o.jpg

 

Il-kelliema ewlenija għall-konferenza kienet Elizabeth Waters, Direttur tal-Kulleġġ Virtwali fil-Komunità An Cosán fl-Irlanda u li ilha involuta fl-edukazzjoni għall-adulti għal madwar 35 sena. Waters tkellmet dwar il-perspettivi attwali fit-tagħlim għall-adulti u t-teknoloġija. Spjegat kif normalment studenti li jmorru għal tagħlim onlajn ma jtemmux il-kors. Ir-rata ta’ dawn hi ta’ 70%. Semmiet kif l-Istitut tat-Teknoloġija ta’ CARLOW ħadem fuq programm ibbażat fuq il-mudell ta’ tagħlim imħallat (blended) biex inaqqas din ir-rata. Dan jinkludi workshops li jsiru wiċċ imb wiċċ kif ukoll klassijiet virtwali li jsiru live u li għalihom l-istudenti jridu jkunu preżenti permezz tal-laptops/tablets tagħhom. Dan il-programm ilaqqa’ l-istudenti kollha fl-ewwel jum biex isiru jafu lil xulxin imbagħad ikompli bit-tagħlim onlajn fost il-ġimgħa kif ukoll bid-diskussjonijiet immexxija mit-tutur.

Parti mill-konferenza kienet dedikata lid-Diploma Nazzjonali għat-Tagħlim tal-Adulti li bħalissa qed jieħdu ħsiebha t-tim mmexxi minn Mandy Mifsud, li hi Uffiċjal għall-Edukazzjoni fid-Direttorat. Mifsud tat ħarsa ġenerali lejn dan il-kors li minnu ser jiggradwaw l-ewwel studenti f’Novembru li ġej. Il-kors, minkejja li kellu xi nuqqasijiet u li diġà qed isir xogħol fuqu biex jiġu indirizzati, ser jara 90 student jiggradwaw fih kif ukoll 39 oħra li se jingħataw rikonoxximent talli għamlu parti minnu.

Il-kumpanija MISCO tqabbdet tassessja d-diploma biex tara x’diffikultajiet kellhom l-istudenti u l-għalliema u liema temi kienu favoriti magħhom kif ukoll dawk li ma kinux. Lawrence Zammit, li hu wieħed mill-fundaturi ta’ MISCO mexxa l-focus groups dwar id-diploma, identifika x’kienu n-nuqqasijiet u ta suġġerimenti ta’ x’jista’ jsir biex titjieb id-diploma.

Fil-konferenza tkellmu wkoll Bernardo Riolo u Susan Grixti, li flimkien ħadmu biex jitwettaq il-proġett pilota fil-komunita` fejn skola tintuża wkoll bħala spazzju għall-adulti. Riolo, li hu l-Kap tal-Iskola Primarja tal-Belt Valletta u li fiha sar il-proġett, spjega x’wassal biex jaċċetta dal-proġett fl-iskola tiegħu. Tkellem dwar il-proċess u x-xogħol kollu li twettaq qabel ma daħlu l-ewwel studenti adulti fl-iskola. Dan kien jinkludi t-tħejjija ta’ klassi fl-iskola u li tkun maħsuba biex taqdi l-bżonnijiet ta’ studenti adulti u mhux tfal. Mill-banda l-oħra Ms Grixti, li hi trainer miċ-Ċentru Let Me Learn, spjegat li l-għan tagħhom kien li l-ewwel jagħtu empowerment lill-ġenituri biex imbagħad iżidu l-ħiliet tagħhom. Ir-riżultat finali kien wieħed pożittiv għax ħafna minnhom wrew ix-xewqa li jattendu għal kors ieħor simili. Barra minn hekk dawk il-ġenituri li ma attendewx għall-ewwel kors diġà wrew l-interess tagħhom biex jagħmlu l-kors jekk jerġa’ jsir.

L-aħħar kelliema kienet Penelope Lewis, esperta fl-edukazzjoni inklussiva fir-Renju Unit, li għamlet xi żmien taħdem hawn Malta. Lewis semmiet li d-Direttorate jorganizza 450 kors fis-sena imma nnutat li nofs l-istudenti jieqfu u ma jkomplux.  Lewis spjegat kif qattgħet ħafna ħin tistudja s-sitwazzjoni f’Malta u titkellem ma’ min hu involut fiha. Tħoss li waħda mill-problemi hi li l-istudenti jħossu li d-diffikultajiet huma tagħhom personali u allura ma jitkellmux dwarhom. Lewis tħoss li waħda mis-soluzzjonijiet għal din il-problema hi li jinħoloq l-ispazju biex l-istudent iħossu komdu jitlob l-għajnuna.

“Jeħtieġ li jiġu żviluppati networks ta’ appoġġ fl-edukazzjoni għall-adulti biex jinkoraġġixxu lin-nies ikellmu lill-edukaturi u l-koordinaturi tagħhom. Il-migranti li jattendu l-korsijiet, nafu min huma u għala ma jibqgħux jattendu?” staqsiet Lewis.

L-esperta tat eżempju ta’ edukjazzjoni inklussiva li ġara f’Malta fejn studenta partikulari nieqsa mid-dawl rnexxielha tagħmel kors offrut mid-Direttorat minkejja l-iżvantaġġi kollha tagħha. Tant kien ta’ suċċess li l-istudenta  qed tagħmel kors ieħor.

“L-għalliema, minkejja li qatt ma għallmet lil xi ħadd għami, kienet lesta li tgħallimha għax ma rathiex bħala persuna b’diżabbiltà imma studenta bi bżonnijiet differenti. L-istudenti ta’ magħha wkoll taw daqqa t’id biex irnexxielha ssegwi. Dak li jiġri meta jkun hemm ir-rieda u sens ta’ kollaborazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti!” qalet Lewis.

L-aħħar parti tal-konferenza kienet tittratta l-kunċett tat-tagħlim  ta’ ħiliet bażiċi fuq il post tax-xogħol. Christianne Fenech, il-maniġer tal-proġett ‘Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti’ saħqet kemm huwa importanti li min iħaddem jiftaħ il-bibien tiegħu għal dawk l-impjegati li jixtiequ jtejbu l-ħiliet personali tagħhom. Hija qalet ukoll, li meta saru sessjonijiet ta’ taħriġ ma’ min iħaddem ħareġ biċ-ċar li hemm nuqqas ta’ informazzjoni rigward l-iskemi differenti li jeżistu u li jistgħu jgħinu kemm lil min iħaddem kif ukoll lil-impjegati tiegħu biex itejjbu l ħiliet tagħhom personali kif ukoll dawk ta’ fuq il-post tax-xogħol.

Il-konferenza ntemmet billi tħabbar li l-proġett tal-Aġenda Ewropea reġa’ ngħata l-fondi biex ikompli għaddej sal-2019 u b’hekk ikompli jespandi fuq il-proġetti li saru s’issa.

Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn