chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE

Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa

 
 

Blog

Litteriżmu fil-familja għall-benefiċċju ta’ kulħadd

30/07/2019
minn Christianne Fenech
Lingwa: MT

Il-Proġett Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti qed jaħdem biex għadd ta’ skejjel primarji jsiru ċentru ta’ tagħlim fil-komunità għall-adulti, minbarra li jgħallmu lit-tfal. Tagħlim għall-adulti jwassal għal ħafna benefiċċji b’uħud minnhom jaffettwaw direttament lit-tfal. Dwar dan tkellmet Nadia Maria Vassallo, li llum hi d-Deputat Prinċipal għall-Kurrikulu u s-Sapport fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).  Vassallo kienet żviluppat programm li ħadem mal-adulti permezz tat-tfal fiż-żmien li hi kienet għalliema tal-primarja. Il-programm kien wieħed ta’ intervenzjoni bikrija fil-litteriżmu għal tfal li ma kinux qed ilaħħqu mal-livell mistenni għall-età tagħhom.

 

Vassallo spjegat li kif bdiet tgħallem fi skola primarja l-ewwel pass tagħha kien li taħdem mat-tfal identifikati wara l-ħin tal-iskola u hemmhekk bdiet tara progress. Imma meta kienu jidħlu lura mill-vaganzi tal-iskola, il-progress li kienu jkunu għamlu, kien jisfaxxa fix-xejn. Is-sena ta’ wara ppruvat tinvolvi lill-ġenituri tat-tfal billi tissuġġerilhom xogħol li jistgħu jkomplu ma’ wliedhom waqt il-vaganzi, li għen, imma xorta ma tax ir-riżultati mixtieqa. Fit-tielet sena ta’ tagħlim tagħha ddeċidiet li taħdem fuq programm ma’ tfal li huma batuti fil-litteriżmu flimkien mal-ġenituri tagħhom u dan wassal għal suċċess kbir.

 

L-għalliema l-ewwel kienu josservaw lill-istudenti li kienu jeħtieġu attenzjoni partikolari. Imbagħad dawk li kienu identifikati b’diffikultajiet severi kienu jintbagħtu ċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) biex jiġu assessjati. Kienu jsiru wkoll testijiet interni għall-ħiliet tal-qari qalb l-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena minħabba li dawn kien kmieni wisq għalihom biex jintbagħtu għall-assessjar. U nbeda l-programm magħhom.

 

“Sapport ad hoc fil-litteriżmu ma jaħdimx. Għalija intervenzjoni strutturata hi kollox. Is-sillabu dejjem jidher perfett fuq il-karta,” spjegat Vassallo. Żiedet tgħid li minn xi drabi dak li wieħed faċilment jista’ jinterpreta bħala nuqqas ta’ interess f’uliedu, tista’ fir-realtà tkun problema ta’ litteriżmu. Tagħti l-eżempju tan-noti li jintbagħtu d-dar mat-tfal u li ma jinqrawx minħabba diffikultajiet fil-litteriżmu. Għalhekk il-programm sar flimkien mal-ġenituri għax inutli tippretendi li ġenitur jgħin lil uliedu jaqraw meta hu stess għandu bżonn l-għajnuna fil-qari.

 

“Fil-bidu l-ġenituri ma kinux komdi b’dawn is-sessjonijiet – uħud kienu  jistħu minħabba l-abbiltà tagħhom stess.  Imma mbagħad il-grupp inbidel f’wieħed ta’ sapport u jien sirt il-ħabiba tagħhom. Kont dejjem nitlaq minn dak li kienu jafu. L-għan tiegħi qatt ma kien li ngħallimhom imma li nġibhom fil-klassi. L-attitudni tal-ġenituri bdiet tinbidel. Kien qed ikun hemm inqas frustrazzjoni d-dar. Il-ġenituri bdew jgħajtu inqas ma’ wliedhom u jagħtuhom iktar breaks waqt ix-xogħol tad-dar. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, iktar ma l-ġenituri bdew iħossuhom kunfidenti. Il-ġenituri bdew jinvolvu iktar ruħhom u jissapportjaw lil xulxin u anki saru ħbieb. Saru komunità,”  qalet Vassallo.

 

Spjegat kif il-ġenituri aċċettaw li jattendu għall-programm biex jgħinu lil uliedhom imma fir-realtà kulħadd ibbenefika minnu.

“L-iktar li bbenefikaw minn dawn il-klassijiet kienu l-ġenituri li ma kellhomx il-ħiliet tal-qari. Bdew jitgħallmu jaqraw ma’ wliedhom, u rrealizzaw li m’hemm xejn ħażin fihom. Il-ġenituri ngħataw taħriġ tajjeb f’intervenzjonii bikrija. Tista’ tgħid li wara dawn is-sessjonijiet setgħu jingħataw ċertifikat għall-ħiliet li kisbu.

“Min-naħa tiegħi qatt ma aċċettajt li nieħu t-tfal weħidhom mingħajr ma jkun hemm adult responsabbli minnhom għax is-suċċess kien bil-wisq akbar,” sostniet Vassallo.

 

F’ħinijiet partikolari waqt is-sessjoni, l-klassi kienet tkun imqassma skont l-abbiltajiet tat-tfal. L-istudenti ma kinux jafu b’dan. Vassallo saħqet li l-attivitajiet mat-tfal kienu jinbidlu kull 10 minuti biex tinżamm l-attenzjoni tat-tfal.

 

Vassallo temmen li biex il-programm jirnexxi jrid ikun hemm konsolidazzjoni li tibqa’ għaddejja għal numru ta’ snin. Fil-fatt il-programm kien isir mat-tfal tal-ewwel sena sas-sitt sena. Programm hekk jgħin biex jaqbad tfal bid-diffikultajiet fil-litteriżmu minn kmieni u jgħinhom jilħqu l-livell mainstream wara ftit tas-snin. Fil-fatt bosta studenti, li bdew dan il-programm fit-tielet sena, illum qed jagħmlu l-gradi tagħhom l-Università. Il-preżenza tal-ġenituri fl-iskola tgħin biex it-tfal iħossuhom iktar siguri fl-iskola.

 

“Bħala għalliema ħadt ħafna personalment. Ksibt ħafna rispett. Kont maħbuba ħafna mill-ġenituri. Ma kontx l-għalliema li ngħid affarijiet negattivi dwar it-tfal imma kont inkellimhom dwar il-problema u kif nistgħu naħdmu flimkien biex nindirizzawha. Mhuwiex biżżejjed li turi d-diffikultajiet tal-istudent. Hu xogħol l-għalliema li tipproponi soluzzjonijiet.  Xogħol l-għalliema hu sabiħ immens għax tara titjib mill-ewwel quddiem għajnejk. Itik sodisfazzjon immedjatament, bħala edukatur,” temmet tgħid Vassallo.

 

 

/mt/file/dr-nadia-maria-vassalloDr Nadia Maria Vassallo

Dr Nadia Maria Vassallo

Dr Nadia Maria Vassallo - Deputat Prinċipal għall-Kurrikulu u s-Sapport fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) 

 

Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn