chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE

Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa

 
 

Blog

L-iskejjel m’għadhomx post għat-tfal biss

28/02/2017
by Christianne Fenech
Lingwa: MT

 

L-iskola primarja tal-Belt, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, ilha għaddejja minn trasformazzjoni għal dawn l-aħħar ftit tas-snin u issa waslet biex tiftaħ il-bibien tagħha għat-tagħlim għall-adulti wkoll. Dan kien jinvolvi hafna xoghol minn qabel, fosthom li ġġib l-istudenti ’l quddiem akkademikament u li ttejjeb ir-relazzjoni bejn l-għalliema u l-ġenituri. L-għan ewlieni issa hu li tingħata għajnuna lil ċerti ġenituri li biha huma jkunu jistgħu jgħinu lil uliedhom b’mod iktar ħolistiku.

 

Il-proġett ‘EU Agenda for Adult Learning’ jinkoragixxi l-idea li skejjel primarji jintużaw ghat-tagħlim tal-adulti wkoll. Il-proġett jenfasizza li f’dawn l-iskejjel ikun hemm spazju adekwat offrut ghall-adulti biex dawn ikunu jistgħhu jtejjbu l-ħiliet tagħhom u jkunu jistgħu jipparteċipaw iktar fl-edukazzjoni tat-tfal tagħhom. Id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja, permezz ta’ dan il-proġett pilota jixtieq li jieħu spunt mill-kors li ser isir ġewwa l-iskola primarja biex imbagħad ikompli jibni fuqu u jkun hemm firxa ikbar ta programmi għat-tagħlim għall-familja.

 

“L-iskejjel m’għadhomx post għat-tfal biss. L-iskop hu li l-iskola tkun spazju miftuħ għal kulħadd. Aktar ma tintuża aktar aħjar. Il-post hu għat-tfal imma ħa noħolqu spazju apposta għall-adulti fejn jitgħallmu. Identifikajna kamra u ġibna xi ħadd apposta biex jiddisinja l-post u jagħmlu addattat għall-ħtiġijiet tal-adulti. L-istess post imbagħad se nużawh aħna għal meta jkollna l-korsijiet tagħna stess,” spjega s-Sur Bernardo Riolo, il-Kap tal-Iskola tal-Belt mill-2013.

 

Il-kamra ta’ tagħlim se tingħata xejra differenti minn dik ta’ klassi għat-tfal minħabba li l-adulti jitgħallmu b’mod differenti mit-tfal. Kull meta issir xi laqgħa jew workshop mal-adulti fl-iskola dan isir f’xi klassi li hija armata għat tagħlim tat-tfal. L-adulti jħossuhom xi ftit skomdi fi klassi hekk, u għalhekk dan il-proġett qed jaħseb għal spazju speċifikament addattat għat-tagħlim tal-adulti.

 

Is-Sur Riolo żied jgħid, “Il-proġett li għandna għaddej bħalissa hu li jingħata kors għall-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola li forsi ma ħadux biżżejjed ħiliet akkademiċi. It-tir ta’ dan il-proġett pilota hu li jkollna bejn 15 u 20 ġenitur. In-numru qed jinżamm żgħir biex tingħata attenzjoni individwali lil kull min ser jippareteċipa .

 

“Il-proċess inbeda billi rajna x’kienu eżatt il-bżonnijiet tal-ġenituri. Ħloqna kwestjonarju u qassamnihulhom biex naraw dwar xiex xtaqu jitgħallmu. Fost affarijiet li ssemmew kien hemm użu tat-teknoloġija, li probabbli qed tinħass iktar issa minħabba, li t-tfal tar-raba’ sena qed jingħataw it-tablets u dawn dalwaqt se jingħataw lil dawk tal-ħames sena wkoll; kif tingħata l-ewwel għajnuna u xi suġġerimenti ta’ kif jistgħu jippreparaw ikel iktar sustanzjuż għat-tfal biex jeħduh magħhom l-iskola.

 

“Magħhom se nżidu ħiliet fil-matematika u fil-litteriżmu għaxjinħass li hemm bżonn kbir tiegħu. Imma dan ħa ngħadduhomlhom ‘bil-moħbi’ għax dawn il-ġenituri mhux se tikkonvinċihom jiġu jagħmlu kors fil-matematika jew fil-qari. Kif jgħidu flok tgħaddi mill-bieb tgħaddi mit-tieqa,” sostna l-Kap tal-Iskola.

 

Is-Sur Riolo kompla jispjega kif il-kors se jitfassal fuq prattiċi tal-‘Let Me Learn’.  L-impjegati kollha tal-iskola tħarrġu jew qed jitħarrġu f’din is-sistema ta’ tagħlim u ġa qed tintuża mat-tfal fl-iskola.  Ix-xewqa hi li dan il-metodu jitħaddem mal-ġenituri tagħhom u jingħadda lilhom ukoll.

 

Fil-kwestjonarju l-ġenituri kienu mistoqsija wkoll x’ħinijiet kienu ideali għalihom biex jattendu l-korsijiet, għandhomx bżonn min jeħdilhom ħsieb it-tfal waqt il-kors u kemm-il darba jistgħu jattendu.

“Hu proġett li ħiereġ mingħandhom bil-ħtiġijiet tagħhom.  Jekk ma tagħmilx hekk taħli ħafna enerġija għalxejn għax ma jiġukx ħafna nies,” żied jgħid is-Sur Riolo.

 

Bħalissa qed jinħadem il-kontenut tal-kors bit-tir li jinbeda wara l-vaganzi tal-Għid. Il-kontenut qed jinħadem mill-iskola flimkien mal-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-Litteriżmu u tal-Matematika mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u t-team tal-‘Let Me Learn’. Se jkun magħmul minn 15 għal 20 sessjoni ta’ sagħtejn-il waħda u jinkludu pawsa qasira.

 

Dwar il-proċess ta’ bidla li l-iskola għaddiet u għadha għaddejja minnu, is-Sur Riolo qal: “Meta ġejt hawn erba’ snin ilu indunajt li żewġ problemi prinċipali tal-istudenti kienu l-matematika u l-litteriżmu. Minn statistika ġenerali ħareġ ukoll li kien hemm nuqqas sostanzjali ta’ self ta’ kotba mil-libreriji. Għalhekk ħadna lit-tfal kollha ta’ din l-iskola sal-Librerija Nazzjonali tal-Furjana flimkien mal-ġenituri. Min ma kellux għamilnieh membru tal-Librerija biex b’hekk ikun jista’ jissellef il-kotba u ħeġġiġna lill-ġenituri biex jissieħbu huma wkoll.”

 

L-iskola fetħet il-bibien tagħha għall-programmi tal-qari ‘Aqra Miegħi’ (għal tfal minn 0 sa 3 snin), ‘Seħer l-Istejjer’ (għal tfal minn 4 sa 6 snin) u ‘Gost il-Qari’ (għal tfal minn 8 snin sa 10).

Mistoqsi rax riżultati minn dawn l-inizjattivi, is-Sur Riolo wieġeb li xi ħaġa bħal din tieħu ż-żmien biex tara l-frott. Spjega wkoll x’tattika użaw biex itejbu l-matematika tat-tfal.

 

“Iffukajna fuq il-problema. Żidna r-riżorsi f’kull klassi. It-tagħlim beda jingħata iktar hands-on biex l-istudenti jifhmu li l-matematika hi xi ħaġa li tagħmel il-ħin kollu u mhux tal-kotba biss. Issa rridu naqbdu sew mal-litteriżmu,” qal is-Sur Riolo. 

 

Tkellem ukoll dwar il-ħidma li saret matul dawn l-aħħar snin biex jinħoloq iktar teamwork bejn il-ġenituri u l-għalliema.

“Qed ninvolvu kemm jista’ jkun lill-ġenituri. Nagħtuhom għarfien ta’ x’jistgħu jagħmlu iktar ma’ wliedhom ħalli jkomplu ma’ fejn inħallu aħna,” temm jgħid il-Kap tal-Iskola.

 

Il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għajnuna tad-Direttorat għal Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li Jħallu l-Iskola Kmieni.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

                              

Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn