Skip to main content
Blog
Blog

Proġett kreattiv li jlaqqa’ anzjani ma’ tfal – għodda ta’ tagħlim informali għal ġenerazzjonijiet differenti

Il-proġett kreattiv Darba waħda..., li jlaqqa’ anzjani ma’ tfal, ilu għaddej f’Malta mill-2015 grazzi għall-inizjattiva ta’ Anna Formosa, li hi prattikanta ta’ applied drama. Darba waħda... jagħmel parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018. Sal-2018 ’il fuq minn 200 ruħ minn madwar 50 lokalità f’Malta u Għawdex se jkunu gawdew minnu. Sas-sena d-dieħla l-proġett se jkun sar 18-il darba u hu maħsub li jiġi estiż biex jilħaq persuni oħra fosthom dawk li jgħixu fi djar tal-anzjani.

 

Il-proġett għandu l-għan li jġib flimkien anzjani, li huma indipendenti u għadhom attivi fil-komunità, ma’ tfal bejn id-9 snin u t-12-il sena f’ambjent kreattiv. Hemmhekk huma jagħmlu attivitajiet bħal drama, rakkuntar ta’ stejjer, logħob u eżerċizzji, mużika, arti u krafts. L-isem ‘Darba waħda...’ ingħatalu għax jirrappreżenta l-bidu ta’ storja li tiżvolġi matul il-ħidma fil-workshops.

 

 

Dawn il-workshops, minbarra li jindirizzaw kwistjonijiet bħal solitudni u d-differenza bejn il-ġenerazzjonijiet, iservu wkoll bħala għodda ta’ tagħlim informali għaż-żewġ ġenerazzjonijiet.

“Hu pożittiv ħafna li tisma’ lill-parteċipanti, l-aktar dawk kbar, jgħidu li sessjoni ta’ arti u krafts ispirathom jerġgħu jibdew jipprattikaw delizzju li għal xi raġuni kienu waqfu, jew li l-proġetti tal-arti li nkunu għamilna jħajruhom imorru d-dar u joħolqu affarijiet oħra jew jiddeċiedu li jibdew jattendu korsijiet apposta,” spjegat is-Sa Formosa.

 

Il-parteċipanti anzjani jattendu dawn il-workshops għax huma pjaċevoli u jieħdu gost jaqsmu l-istejjer u l-esperjenzi tagħhom ma’ sħabhom – kbar u żgħar, waqt li jinsew il-problemi tal-ħajja. Numru kbir ta’ parteċipanti semmew ukoll li jieħdu gost mill-proċess ta’ tagħlim li joffru dawn is-sessjonijiet. Parteċipanta adulta semmiet li tgħallmet taħdem aktar fi grupp. Oħra, li għandha ’l fuq minn 70 sena, qalet: “Inkompli nattendi għax ħadt gost, interessanti u titgħallem affarijiet ġodda li waħdek forsi ma titgħallimx.”

       

Fil-każ tat-tfal huma jieħdu gost għax il-workshops huma divertenti u jagħtuhom ċans ikunu kreattivi. Barra minn hekk igawdu mil-legat li jingħaddilhom minn sħabhom l-anzjani, xi ħaġa li hi essenzjali għal Darba waħda... It-tfal jitgħallmu b’mod informali dwar l-istorja popolari u ħrejjef tradizzjonali kif ukoll jiksbu ċerti ħiliet bażiċi u personali. Isiru iktar kunfidenti kif ukoll jitgħallmu jikkomunikaw aħjar u jaħdmu fi grupp.

“Uħud mit-tfal jidħlu mistħija bilkemm jaqilgħu għajnejhom mill-art. Imma ġimgħa wara ġimgħa jibdew joħorġu minn qoxrithom. Hawnhekk jiġu f’ambjent sigur u l-inkoraġġiment u l-attenzjoni li jingħataw mill-anzjani jgħinuhom jiksbu l-kunfidenza,” spjegat il-koordinatriċi tal-proġett. 

 

Darba waħda... jinkoraġixxi wkoll empatija u li l-parteċipanti, l-iktar it-tfal, jieħdu ħsieb tal-oħrajn. Is-Sa Formosa tħoss li hu pożittiv ħafna li t-tfal jibdew iqisu lill-parteċipanti anzjani bħala ħbieb tagħhom u jinkluduhom fil-logħob bla ma jagħtu kas ta’ kemm huma kbar fl-età jew li mhumiex żvelti daqshom.

“Togħġobni d-dinamika li tinħoloq bejn il-parteċipanti kollha. Sabiħ wisq li tara l-kbar u ż-żgħar juru rispett lejn xulxin u juru l-istess entużjażmu għal logħba jew eżerċizzju. Hu ta’ sodisfazzjon kbir li tara kemm dan il-proġett jaffettwa lil kulħadd b’mod pożittiv,” temmet tgħid Anna Formosa.  

Login (0)

Trid lingwa oħra?

Dan id-dokument huwa disponibbli wkoll f’lingwi oħra. Jekk jogħġbok agħżel waħda hawn taħt.

Want to write a blog post ?

Don't hesitate to do so! Click the link below and start posting a new article!

L-aħħar diskussjonijiet

EPALE 2021 Thematic Focuses. Let's start!

We invite you to enrich what is set to be an intense year ahead with your contributions and expertise! Let's start by taking parto in this online discussion. The online discussion will take place Tuesday 9 March 2021 from 10 a.m. to 4 p.m. CET. The written discussion will be introduced by a livestream with an introduction to the 2021 Thematic Focuses, and will be hosted by Gina Ebner and Aleksandra Kozyra of the EAEA on the behalf of the EPALE Editorial Board.

More

Diskussjoni ta’ EPALE: Il-forniment ta’ tagħlim ta’ ħiliet bażiċi

Il-ħiliet bażiċi huma trasversali. Dawn mhumiex rilevanti biss għall-politika edukattiva, iżda huma rilevanti wkoll għall-politiki tal-impjiegi, tas-saħħa, soċjali u ambjentali. Il-bini ta’ miżuri ta’ politika koeżivi li jappoġġjaw lill-persuni bi ħtiġijiet bażiċi ta’ ħiliet huwa meħtieġ mhux biss biex il-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet ikunu suċċess, iżda wkoll biex jgħinu fil-bini ta’ soċjetajiet aktar reżiljenti u inklużivi. Id-diskussjoni online se ssir f’din il-paġna fis-16/17 ta’ Settembru bejn l-10:00 u s-16:00 CET u se tkun immoderata mill-Koordinaturi Tematiċi ta’ EPALE tal-EBSN

More