chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE - Eiropas Pieaugušo izglītības e-platforma

Emuārs

Il-Benefiċċji tat-Tagħlim Mhux Formali

22/08/2016
Mahira Spiteri
Valoda: MT
Document available also in: EN FR DE

L-edukatur Louis Debono jgħallem f’ambjenti formali u mhux formali u jemmen bis-sħiħ fil-benefiċċji u l-importanza tat-tnejn. Bħala għalliem fis-Sixth Form ta’ De La Salle, f’Malta, huwa juża t-tagħlim formali kuljum, iżda huwa jappoġġa t-tagħlim mhux formali fl-irwol tiegħu ta’ ħarrieġ ma’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-voluntiera għas-Servizz Volontarju Ewropew, u huwa ħarrieġ tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-Kunsill għall-Ewropa. Hawnhekk huwa jaqsam l-esperjenzi tiegħu. 

/lv/file/untitledjpg-1untitled.jpg

It-tagħlim mhux formali hija frażi ewlenija fl-approċċ tagħna lejn l-edukazzjoni llum. Wara kollox, nafu li studenti differenti jitgħallmu b’modi differenti, u li topiks differenti jibbenefikaw jekk jiġu mgħallma b’metodi u sitwazzjonijiet differenti.

 

Iżda x’inhuwa eżattament it-tagħlim mhux formali, u kif inhuwa differenti minn metodi aktar tradizzjonali u formali? Hawnhekk, l-edukatur u ħarrieġ Louis Debono jispjega.

 

“Meta ngħallem fi skola, l-istudenti jgħiduli ‘Sir’ u jiena nidħol fil-klassi biex nagħtihom l-informazzjoni li għandhom bżonn; dak huwa formali,” jgħid Louis. “Fit-tagħlim mhux formali dan kollu jinbidel. L-ewwel nett, l-istudenti ma jindirizzawx lill-għalliem/a tagħhom bħala ‘Sir’ jew ‘Miss’ billi kemm l-għalliem kif ukoll il-parteċipanti huma aktar fuq l-istess livell. Barra minn hekk mhuwiex dwar l-għoti ta’ informazzjoni, iżda dwar li tiffaċilita t-tagħlim ta’ xi ħadd.”

 

Lil hinn minn dan, Louis jispjega li, permezz tat-tagħlim mhux formali, huwa jemmen li m’għandu ebda dritt jimponi l-aġenda tiegħu fuq l-istudenti tiegħu. “L-aġenda tagħhom hija importanti daqs tiegħi, u huwa xogħli li nadatta għal dak li għandhom bżonn,” jenfasizza. “Dan, ovvjament, jinfluwenza l-mod kif jaħdmu l-affarijiet fil-klassi. Fit-tagħlim mhux formali l-enfasi tkun fuq li tagħti s-setgħa lill-istudent biex jikseb aktar, b’kuntrast mat-tagħlim fis-sens tradizzjonali.”

 

Meta jħares lura lejn l-esperjenzi tiegħu tat-tagħlim f’ambjent mhux formali, Louis jiftakar sessjoni reċenti li kellu għall-għalliema, ħaddiema soċjali u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ f’isem il-Kunsill tal-Ewropa. Fil-waqt li kellu f’moħħu x’kellu bżonn jitgħallem il-grupp, kull parteċipant ġab l-esperjenza tiegħu fil-kamra, u spjega li dawn l-elementi għandhom jitqiesu u jiġu valutati bħala parti mill-vjaġġ ta’ tagħlim. “L-istudenti kienu adulti bl-għarfien u l-passat tagħhom, u kellhom jiġu ttrattati bħala tali,” jispjega Louis. “Għalhekk, fi tmiem is-sessjoni ta’ ħamest ijiem x’aktarx li ma tantx għallimnihom, madanakollu telqu b’attitudni influwenzata li żgur kienet ta’ valur. Huma stagħnew b’riżultat ta’ tagħlim f’ambjent mhux formali.”

 

Louis ra wkoll il-benefiċċji tal-edukazzjoni mhux formali fl-istudenti iżgħar. Huwa jiftakar żgħażugħ li ħadem miegħu f’ċentru għaż-żagħżagħ li kien isibha diffiċli biex jagħmel ħbieb. “Kien żagħżugħ intelliġenti ħafna u kien imur tajjeb ħafna fl-iskola, iżda kien ibagħti f’sitwazzjonijiet soċjali. Kellu jkun ambjent mhux formali – speċifikament seminar ta’ tmiem il-ġimgħa – biex jiffaċċja l-attitudni tiegħu lejn l-affarijiet u jinnota li hu xi drabi seta’ jkun diffiċli. Din għenitu jirrealizza li, barra mill-ambjent tal-klassi, kellu bżonn ħiliet oħra. Dik it-tmiem il-ġimgħa bidlet kollox għalih u wittietlu t-triq b’tali mod li t-tagħlim fil-klassi qatt ma seta’.”

 

Madanakollu, minkejja l-benefiċċji kollha, Louis jammetti li t-tagħlim mhux formali joffri sfida fih innifsu, kemm għall-istudent kif ukoll għall-edukatur. “Prattikament ilkoll kemm aħna għandna l-għeruq tat-tagħlim formali ġo fina, għalhekk, sa ċertu punt, huwa aktar faċli għall-għalliema li jwasslu l-għarfien tagħhom u għall-istudenti biex jifhmuh. It-tagħlim mhux formali, min-naħa l-oħra, jisfida l-iżvilupp ta’ ideat ġodda, kif ukoll li wieħed jargumenta u jisma’, u dan huwa aktar diffiċli. Minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi, il-benefiċċji li tisfida lill-istudenti tiegħek u li tkun sfidat inti stess bħala edukatur huma ferm akbar mid-diffikultajiet.”

 

Tixtieq tinkorpora aktar tekniki mhux formali meta tkun qed teduka? Dawn huma xi suġġerimenti mill-edukatur Louis Debono:

 

  • Jekk qed taħdem ma’ studenti iżgħar, iftħilhom moħħhom għall-ħafna opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali li huma disponibbli. Jistgħu jieħdu sehem f’esibizzjoni tal-arti, jingħaqdu f’talent show jew klassi tad-drama, jew jidħlu fil-Young Enterprise. It-tagħlim mhux formali jista’ jkun kwalunkwe ħaġa li permezz tagħha ma joqgħodux bilqegħda u jistudjaw b’mod tradizzjonali.
  • Irrispettivament mill-età jew l-ambjent, ġiegħel lill-istudenti tiegħek jaħsbu dwar l-informazzjoni li ngħataw. Aħna ngħixu f’dinja fejn l-informazzjoni tinsab kullimkien, iżda dan ma jfissirx li l-informazzjoni hija korretta. Inkoraġġixxi lill-istudenti tiegħek jiċċekkjaw kwalunkwe informazzjon li jingħataw għal darba darbtejn, u biex jisfidawha.
  • Agħmel mistoqsijiet u ibda konverżazzjoni. Filwaqt li jkun aktar faċli li tgħaddi n-noti tiegħek lill-istudenti, huwa ħafna aktar interessanti – għalihom u għalik– jekk tagħmel it-tagħlim proċess fuq żewġ binarji.
  • Ibda mir-rispett. It-tagħlim mhux formali huwa dwar li tagħti lil kull student ir-rispett u l-ispazju biex iwasslu l-opinjonijiet tagħhom, u dejjem inkun impressjonat bir-riżultati li joħorġu. Jekk inti tirrispetta l-opinjoni tal-istudenti u d-dritt li jgħaddu l-għarfien tagħhom lilek u viċi versa, inti tkun qed tiftaħ il-klassi tiegħek għal aktar qsim ta’ ideat u għal tagħlim mhux formali.
Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn