chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE - Plateforme électronique pour l'éducation et la formation des adultes en Europe

Ressource

Ħarsa lejn il-Qasam Edukattiv 2015 – Indikaturi tal-OECD

Langue: MT
Document available also in: DA RO FI ET FR

Posté par Mahira Spiteri

Ħarsa lejn il-Qasam Edukattiv 2015 – Indikaturi tal-OECD (Organisation for Economic Co-operation and Development)

 

Fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja, l-edukazzjoni tiswa mitqlu deheb ...

Bħala medja, ’il fuq minn 80% tal-adulti b’edukazzjoni terzjarja huma impjegati waqt li fost dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja mhux terzjarja hemm ’il fuq minn 70%, u dawk mingħajr livell post-sekondarju jammontaw għal inqas minn 60%. L-adulti b’edukazzjoni terzjarja jaqilgħu 60% iktar, bħala medja, minn dawk li l-ogħla livell tagħhom hu dak post-sekondarju. B’mod ġenerali, ir-rata tal-impjiegi u r-rata tad-dħul finanzjarju jiżdiedu iktar ma jkunu għolja l-livell tal-edukazzjoni u l-ħiliet. Madankollu, is-suq tax-xogħol għadu jikkonsidra d-Diploma jew id-Degree bħala l-indikatur primarju tal-ħiliet li għandu l-ħaddiem.    

Bla dubju, dawn il-vantaġġi qed iwasslu biex iktar żgħażagħ jagħżlu li javvanzaw għall-edukazzjoni terzjarja f’pajjiżi tal-OECD. Bħala medja, f’dawn il-pajjiżi u reġjuni fl-OECD li ħadu sehem fis-Sondaġġ tal-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC) fl-2012, 22% taż-żgħażagħ ta’ bejn il-25 u l-34 li mhumiex studenti – u fil-Korea 47% minn dan il-grupp – kisbu edukazzjoni terzjarja minkejja li l-ġenituri tagħhom ma kinux waslu sa dan il-livell. Bejn din l-ewwel ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ b’edukazzjoni terzjarja u l-adulti li anki l-ġenituri tagħhom kisbu livell ta’ edukazzjoni terzjarja nsibu li r-rati ta’ impjieg u l-oqsma ta’ studju huma komuni. Dan juri li m’hemm ebda żvantaġġ għal min ikun l-ewwel fil-familja li jikseb edukazzjoni terzjarja.

Ir-riċerka turi wkoll li għalkemm hemm iktar studenti li japplikaw għal korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat minn dawk li jidħlu għall-Master’s u għad-Dottorat, hemm iktar opportunitajiet fis-suq tax-xogħol – u pagi ogħla – għal dawk li jiksbu Master’s Degree minn dawk li għandhom biss Baċellerat. Ħaddiema li għandhom Baċellerat jew kwalifika ekwivalenti jaqilgħu madwar 60% iktar minn dawk l-impjegati b’livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja, imma dawk b’Master’s, Dottorat jew kwalifika ekwivalenti jaqilgħu iktar mid-doppju.

Il-benefiċċji li toffri l-edukazzjoni mhumiex biss finanzjarji. Dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni għolja hemm tendenza li jirrappurtaw li huma iktar f’saħħithom, jipparteċipaw iktar f’attivitajiet volontarji, jafdaw aktar, u jħossu li l-kelma tagħhom għandha iktar piż fid-deċiżjonijiet tal-gvern. Fi kliem ieħor, l-adulti li għandhom edukazzjoni għolja huma iktar parteċipi fid-dinja ta’ madwarhom.

... għalkemm insibu diskrepanzi persistenti

Għalkemm id-differenza fil-livell ta’ edukazzjoni bejn is-sessi qed tonqos u ġieli anki bil-kontra (in-nisa qabżu lill-irġiel), in-nisa għad għandhom rappreżentanza baxxa f’ċerti oqsma tal-edukazzjoni, bħax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM). Ix-xebbiet għandhom inqas ċans li jkunu impjegati mill-ġuvintur għalkemm din id-differenza qed tonqos ħafna iktar f’dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja kkomparati ma’ dawk li għandhom livell edukattiv baxx.       

Ir-riċerka turi wkoll li l-iktar li jaffettwa d-dħul finanzjarju ta’ persuna huwa l-livell ta’ edukazzjoni li tkun kisbet. Dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja għandhom 23%  iktar ċans li jkunu fost il-25% ta’ dawk li għandhom l-ogħla pagi (fix-xahar) meta mqabbla ma’ dawk li l-ogħla livell ta’ edukazzjoni li għandhom hu post-sekondarju u mhux terzjarju.

Bejn l-2010 u l-2012 l-ispiża pubblika fl-edukazzjoni niżlet f’ħafna pajjiżi tal-OECD.

Ir-reazzjoni għall-impatt tal-kriżi ekonomika tal-2008 inħasset iktar tard fis-settur edukattiv. Bejn l-2010 u l-2012, meta l-Prodott Gross Domestiku (PGD) reġa’ beda tiela’, l-ispiża pubblika fl-istituzzjonijiet edukattivi naqset f’iktar minn wieħed minn kull tliet pajjiżi tal-OECD.

Il-waqgħa li ġarrbet l-ekonomija fl-2008 kellha impatt dirett fuq il-pagi tal-għalliema tal-Primarja u tas-Sekondarja. Fis-snin ta’ wara l-kriżi, minkejja li ċerti pajjiżi kienu bdew jirkupraw, is-salarji tal-għalliema kienu ffriżati jew imnaqqsa, tant li n-numru ta’ pajjiżi li kellhom żieda fil-pagi bejn l-2008 u l-2013 naqas għal wieħed minn kull żewġ pajjiżi tal-OECD. Dawn ix-xejriet bl-ebda mod ma naqqsu d-differenza konsiderevoli bejn il-pagi tal-għalliema u ta’ ħaddiema oħra bl-istess livell ta’ edukazzjoni. Bħala medja fil-pajjiżi OECD, għalliema tal-Kinder u tal-Primarja jaqilgħu 78% tal-paga li jieħdu ħaddiema b’livell ta’ edukazzjoni ekwivalenti ‘full time’. Bl-istess kejl, għalliema tal-ewwel snin tas-Sekondarja huma mħallsa 80% filwaqt li dawk li jgħallmu s-snin l-oħra tas-Sekondarja jaqilgħu 82%. Dawn is-salarji baxxi jagħmluha iktar diffiċli biex jattiraw l-aqwa kandidati li jidħlu għall-professjoni ta’ għalliem.

Tnaqqis ta’ fondi fl-edukazzjoni jista’ wkoll ikun ta’ detriment għall-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema. Ir-riċerka tal-Programme for International Student Assessment (PISA) tiżvela li minkejja ż-żieda fl-investiment tal-iskejjel fl-informatika (ICT), l-għalliema mhumiex jużaw dawn l-għodod b’mod sistematiku. Fil-fatt għalliema li fl-2013 ipparteċipaw fis-sondaġġ tal-OECD Teaching and Learning International Survey (TALIS) irrappurtaw li waħda mill-ħiliet li fiha għandhom bżonn żvilupp professjonali hija dik tal-użu  tal-informatika fit-tagħlim.

Riżultati oħra

  • Fl-2012 pajjiżi tal-OECD nefqu bħala medja 5.3% tal-PGD fuq istituzzjonijiet edukattivi mil-livell primarju għal dak terzjarju; 11-il pajjiż minnhom nefqu 6% tal-PGD.
  • L-edukazzjoni hija primarjament iffinanzjata mill-istat imma l-istituzzjonijiet terzjarji jieħdu l-ikbar ammont ta’ dħul finanzjarju minn sorsi privati. Bejn l-2000 u l-2012 il-medja tas-sehem mill-fond pubbliku għall-istituzzjonijiet terzjarji naqset minn 69% fl-2000 għal 64% fl-2012.
  • L-edukazzjoni bikrija hi ta’ benefiċċju partikolari għal studenti li ġejjin minn familji ta’ immigranti.
  • Fil-pajjiżi u l-ekonomiji kollha li ħadu sehem fil-PISA fl-2012, id-differenza fil-livell tal-qari bejn is-sessi hija inqas fil-qari diġitali milli fil-qari stampat. Il-bniet issuperaw lis-subien fil-qari diġitali b’medja ta’ madwar 26 punt, imqabbel ma’ medja ta’ 38 punt – l-ekwivalenti ta’ kważi sena skolastika – fil-qari stampat.
  • Mas-77% tal-adulti bi kwalifika vokazzjonali sekondarja għolja jew post-sekondarja li mhix terzjarja huma impjegati – rata li hija 7 punti perċentwali ogħla mir-rata tal-adulti li għandhom livell ta’ sekondarja għolja f’edukazzjoni ġenerali (mhux vokazzjonali) bħala l-ogħla kwalifika.
  • Wieħed minn kull ħames persuni ta’ bejn l-20 u l-24 sena la huwa impjegat, la qed ikompli l-iskola  u lanqas qed jitħarreġ.
  • Madwar 57% tal-impjegati adulti b’ħiliet fl-informatika u ‘problem solving’ jipparteċipaw f’edukazzjoni formali u/jew mhux formali sponsorjata minn min iħaddem; 9% biss tal-adulti li ma jafux jużaw kompjuter u m’għandhomx il-ħiliet ta’ ‘problem solving’ jieħdu sehem f’dawn it-tip ta’ pogrammi.
  • Klassijiet kbar huma assoċjati ma’ inqas ħin iddedikat għat-tagħlim, u iktar ħin moħli biex tinżamm l-ordni fil-klassi. Student ieħor miżjud fi klassi ta’ daqs medju huwa assoċjat ma’ tnaqqis ta’ 0.5 punt perċentwali fil-ħin iddedikat għall-attivitajiet tat-tagħlim.
  • L-età tal-għalliema fil-pajjiżi tal-OECD qed togħla; fl-2013 36% tal-għalliema tas-Sekondarja kellhom tal-inqas 50 sena. Dan il-proporzjon kiber bi 3 punti perċentwali bejn l-2005 u l-2013 bħala medja fil-pajjiżi li pprovdew evidenza komparabbli.    

 

 

Auteur(s) de la ressource: 
OECD Publishing
Date de publication:
Mardi, 24 Novembre, 2015
Langue du document
Type de ressource: 
Études et rapports
Pays:
Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn Share on email