chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE

Aikuiskoulutuksen eurooppalainen foorumi

 
 

Blogi

L-iskejjel bħala postijiet għat-tagħlim fil-komunità

30/07/2019
, Christianne Fenech
Kieli: MT

Wara l-proġett pilota mal-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, il-Proġett Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti ħadem ma’ ħames skejjel oħra, sabiex dawn isiru postijiet għat-tagħlim tal-komunità. Dawn kienu l-iskejjel primarji tal-Isla, il-Ħamrun, il-Baħrija, l-Belt u n-Naxxar Induction Centre. Erbgħa kelliema minn dawn l-iskejjel irrakkontaw l-esperjenza tagħhom waqt business breakfast organizzat mill- Proġett tal-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti fi ħdan id-Direttorat għar-Riċerka, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilità.  

 

Wara l-proġett pilota, l-Iskola Primarja tal-Belt mexxiet programm ieħor mal-ġenituri tal-iskola. Dan iffoka fuq ħiliet bażiċi tal-litteriżmu, litteriżmu diġitali u numeriżmu. Victoria Spiteri, il-kap tal-iskola, tkellmet dwar l-esperjenza tagħha li kienet totalment differenti minn dik li kellha qabel. “Kont ġejja minn kulleġġ differenti li kien jittratta ma’ tip ta’ ġenituri differenti. Ma kelli lil ħadd biex jikkoordinali l-programm għax min ikkoordinah qabel biddel il-kulleġġ. Għall-bidu applikaw tlieta biss. Imbagħad kellimt lill-ġenituri u kkonvinċejt 11. Fil-biċċa l-kbira kienu jiġu bejn tlieta u ħames ġenituri.”

Minkejja n-numru żgħir, il-programm xorta tqisu ta’ suċċess u spjegat x’differenza proġett bħal dan jista’ jagħmel f’ħajjet persuna. Fil-fatt, żewġ studenti mill-proġett ta’ qabel komplew fuq studji personali tagħhom tant kemm għolla l-istima tagħhom. Il-proġett għen ukoll biex il-ġenituri jaċċettaw kap ġdid għall-iskola tagħhom għax fehmu li jistgħu jaħdmu magħha.

 

Il-proġett sar għall-ewwel darba fl-erba’ skejjel li jmiss. Erica Spiteri, Kap tal-Iskola Primarja tal-Ħamrun, qalet li l-ewwel pass kien li staqsew lill-ġenituri dwar xiex jixtiequ jitgħallmu.

“Kellna kwestjonarju bl-Ingliż u bil-Malti u f’Jum il-Ġenituri l-LSEs mlewh għall-ġenituri li ma setgħux jimlewh. Għamilna kors fit-trobbija tat-tfal u l-litteriżmu. Tletin urew interess imma kienu jattendu madwar 13-il ruħ, b’uħud minnhom kienu nanniet. Il-korsijiet tawhom suġġerimenti ta’ x’jistgħu jippruvaw jagħmlu ma’ wliedhom biex itejbu l-imġiba tagħhom u r-relazzjoni magħhom.

“Li hu diżappuntanti f’dawn il-korsijiet hu li min idealment jattendi ma jiġix u l-iktar minħabba li jkunu ġarrbu esperjenza kerha meta kienu iżgħar.

“Il-pass li jmiss hu kors fil-litteriżmu diġitali. L-iskola qed tipprova tnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-karta. Għalhekk il-ġenituri jridu jaċċessaw iċ-ċirkulari mill-mowbajls tagħhom. Ħafna m’għandhomx laptops imma kważi kollha għandhom mowbajl li jistgħu jużawh għalhekk. U dan hu mod kif nistgħu ngħallmuhom litteriżmu diġitali,” temmet tgħid Spiteri.

 

Dwar il-proġett fl-Iskola Primarja tal-Isla tkellmet il-kap tagħha, Anna Napier. Spjegat kif fil-bidu kellhom rispons tajjeb meta tqassam il-kwestjonarju - aktar minn 30 ġenitur kienu interessati fih. Iżda sfortunatament  l-attendenza ma kinitx daqshekk kbira.  Il-ġenituri ġabu għadd ta’ skużi differenti għala ma setgħux jattendu meta ċċekkjat individwalment magħhom għala tilfu l-interess.

“Però kien ta’ sodisfazzjon kbir li għalkemm fl-ewwel sessjonijiet kien hemm biss ħames ġenituri, dawn żdiedu għal 11 sal-aħħar sessjoni. Kull min attenda kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif tmexxew u kien hemm interess u entużjażmu kbir .”

 Is-sessjonijiet kienu jinkludu litteriżmu diġitali fejn intużaw it-tablets u l-LegoWeDo kits, kif ukoll Matematika mgħallma permezz ta’ logħob. 

“F’dawn is-sessjonijiet attendew ukoll tfal bi bżonnijiet speċjali u l-ġenituri għamlu kummenti pożittivi ħafna fuq il-benefiċċju ta’ dawn l-ideat. Għalkemm in-numru ta’ attendenza ma kienx daqs dak mixtieq, xorta nemmen li dal-proġett kien ta’ suċċess,” qalet Napier.

Fil-futur il-kap tal-iskola tixtieq li jiffukaw fuq temi oħra fosthom il-kura ta’ saħħa mil-lenti ta’ fiżjoterapista, nutrizzjoni, il-ħiliet tat-tfal u li joħolqu potenzjal permezz ta’ programmi bħal Let Me Learn.

 

Josette Fiott, Kap tal-Iskola Primarja tal-Baħrija, spjegat li ħajru lill-ġenituri jattendu billi spjegawlhom li l-programm se jgħin lil uliedhom.

“L-ewwel sessjoni għenet biex tħajjar aktar ġenituri għax imxiet il-kelma kemm għoġobhom. Kellna rispons pożittiv mill-ġenituri kif ukoll minn min mexxa s-sessjonijiet. Uħud minnhom kienu għalliema mill-istess skola,” qalet Fiott.

Il-programm kien ta’ sitt sessjonijiet fuq tliet ġimgħat f’Mejju dwar ħiliet fit-trobbija tat-tfal. It-temi mitħaddta kienu sigurtà fl-internet, ħiliet fl-ewwel għajnuna bażika, għajnuna għat-tfal fil-matematika b’mod konkret u kif tgħin lit-tfal ikunu bilingwi. Kien hemm pawsiet għall-kafè biex il-ġenituri jkunu jistgħu jitħalltu kif ukoll jiddiskutu s-sessjonijiet. Attendew mal-10 ġenituri għalih. Il-kors kien miftuħ għall-komunità kollha mhux ġenituri biss, u nżamm fil-librerija tal-iskola.

 

/mt/file/businessbreakfastjpg-0business_breakfast.jpg

Business Breakfast

 

Jonathan Portanier Mifsud, Kap tan-Naxxar Induction Centre, spjega kif din l-iskola hi differenti mill-bqija tal-iskejjel tal-Gvern minħabba li tilqa’ fiha studenti barranin biss. Normalment il-ġenituri tagħhom jaħdmu sigħat twal mit-Tnejn sal-Ħadd, ma jitkellmux bil-Malti u mhux neċessarjament jifhmu l-Ingliż. Fil-fatt iċ-ċirkulari jinħarġu b’bosta lingwi.

Sostna li minkejja li l-ġenituri huma impenjati ħafna xorta huma dedikati għal uliedhom u jagħtu ħinhom għall-iskola kif ukoll għall-proġett innifsu. Fil-fatt ħamsa minnhom bajdu l-klassi minn jeddhom fil-ħin liberu tagħhom.

“Kellna medja ta’ 15-il ġenitur għal-lezzjonijiet. Bdejna b’erbgħa u l-ogħla attendenza kienet 25. Għal-laqgħa tal-ġenituri ġiet persuna waħda biss. Għandhom id-diffikultajiet tagħhom biex jiġu l-iskola. Hemm min wara 12-il siegħa xogħol irid jiġi b’tal-linja mill-Mellieħa san-Naxxar,” qal il-Kap.

Żied jgħid li hemm interess kbir għas-sessjonijiet li jmiss – 70 ruħ. Bdew bit-tagħlim tal-Malti. Wara jmiss l-Ingliż.

Permezz tal-lezzjonijiet nibtu ħbiberiji ġodda, saru jgħinu iktar fl-iskola u l-ġenituri saru jitolbu biex jużaw il-binja għall-ħtiġijiet tal-gruppi etniċi.

 

Waqt il-business breakfast tkellmet ukoll Cher Laurenti Engerer, Managing Psychologist mal-kumpanija Polaris Consultancy, li mexxiet il-korsijiet tat-trobbija tat-tfal fl-iskejjel tal-Ħamrun u l-Baħrija, wara li l-ġenituri talbu jingħataw dan it-tip ta’ taħriġ.

“Hemm vojt fis-sistema dwar trobbija tat-tfal wara li titwieled it-tarbija. Sakemm jitwieldu hemm korsijiet imma wara ftit li xejn hemm. L-iskola ma nitgħallmux kif insiru ġenituri,”qalet il-psikologa.

Hi żviluppat programm varjat wara li ltaqgħet mal-ġenituri u staqsiethom x’jixtiequ mit-taħditiet. Fost it-temi diskussi kien hemm: nutrizzjoni, kura bażika, kontroll tal-internet fid-dar, il-bżonn ta’ regoli fid-dar u kif tħeġġeġ lit-tfal jobduhom, kif tibni l-kunfidenza u l-istima fit-tfal, stimulazzjoni fit-tfal - żejda u nieqsa u meta u kif għandek tagħti kastigi u premji.

 

Il-kelliema kollha kellhom esperjenza pożittiva mill-proġett u jixtiequ li jerġa’ jsir.

Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn